Il-KESE adotta riżoluzzjoni li fiha jistieden lill-Ewropej jivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej. It-tliet relaturi tar-riżoluzzjoni, il-membri tal-KESE Christa Schweng, Cinzia del Rio u Ioannis Vardakastanis, li jirrappreżentaw il-Gruppi tal-KESE ta’ Min Iħaddem, tal-Ħaddiema u tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili rispettivament, kienu magħqudin fl-appelli tagħhom biex l-Ewropej jużaw id-dritt demokratiku tagħhom li jivvutaw u jeleġġu rappreżentanti li se jiddefendu Ewropa magħquda, demokratika, sostenibbli u soċjali. Fil-kolonna tagħna Mistoqsija lil..., staqsejna lil kull relatur xi tfisser din l-elezzjoni u għaliex kulħadd għandu juża l-vot tiegħu f’Ġunju li ġej.
Christa Schweng, eks President tal-KESE u membru tal-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE
L-elezzjonijiet Ewropej huma l-avveniment fejn l-Ewropej jistgħu jiddeċiedu min se jmexxi l-Unjoni Ewropea tagħna għall-ħames snin li ġejjin. Din id-darba, se jsiru f’kuntest ġeopolitiku li qed jinbidel b’mod drammatiku, ikkaratterizzat mill-gwerra mhux ġustifikata kontra l-Ukrajna fuq l-għatba tagħna. Il-pajjiżi li qabel kienu għedewwa qed jiffurmaw alleanzi ġodda u qed isiru ostili għall-istil ta’ ħajja tagħna. Id-demokrazija hija fi stat li talinqas jista’ jissejjaħ inkwetanti u r-rigress tad-demokraziji jista’ jiġi osservat globalment. L-istat tad-dritt u l-libertà tal-istampa qed jonqsu, biex insemmu biss tnejn mill-aktar indikaturi komuni. Madwar l-Ewropa, qed naraw attakki dejjem aktar ħorox fuq id-demokraziji liberali. F’diversi Stati Membri, il-valuri ewlenin Ewropej ġew imminati, l-ispazji ċiviċi magħluqa u l-libertajiet tal-media tnaqqsu.
Id-diżinformazzjoni u l-aħbarijiet foloz jikkawżaw diviżjonijiet fis-soċjetà tagħna u jwasslu għal nuqqas ta’ fiduċja u mibegħda.
L-UE hija bbażata fuq il-valuri komuni tad-demokrazija, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, il-libertà tal-espressjoni, l-istat tad-dritt, it-tolleranza, il-ġustizzja, in-nondiskriminazzjoni, l-ugwaljanza, is-solidarjetà u l-parteċipazzjoni demokratika. Dawn il-valuri qatt m’għandhom jittieħdu bħala fatt; jeħtieġ li jissaħħu, jiġu difiżi u protetti kontinwament.
L-elezzjonijiet Ewropej huma opportunità biex nuru li nieħdu ħsieb id-demokrazija u l-valuri fundamentali tagħna – u din hija r-raġuni għaliex huwa importanti li aħna l-Ewropej nagħmlu użu mill-vot tagħna.
Cinzia del Rio, membru tal-Grupp tal-Ħaddiema tal-KESE
Qed nitolbu liċ-ċittadini joħorġu jivvutaw għall-Ewropa, għall-proġett Ewropew, għal Ewropa aktar integrata u solidali. L-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq valuri, prinċipji, l-istat tad-dritt, id-drittijiet u l-parteċipazzjoni, li kollha kemm huma mhumiex negozjabbli, minħabba li jirrappreżentaw il-pedamenti tad-demokrazija tagħna u l-elementi ewlenin tal-mudell tagħna ta’ tkabbir inklużiv u sostenibbli. U jeħtieġ li niżguraw il-pedamenti demokratiċi tagħna.
L-Ewropa għandha sfidi ġodda x’tindirizza llum:
- trid tlaħħaq ma’ kuntest ġeopolitiku frammentat u xprunat mill-kunflitti ma’ atturi u kompetituri ekonomiċi u politiċi globali ġodda;
- trid tappoġġja t-tranżizzjoni ekoloġika, diġitali u demografika, kif ukoll it-tibdil teknoloġiku, l-innovazzjoni, u l-iżvilupp tal-IA b’approċċ iċċentrat fuq il-bniedem u fl-istess ħin tinvolvi liż-żgħażagħ f’dawn il-proċessi;
- trid tibni politika industrijali komuni Ewropea mġedda flimkien ma’ strumenti finanzjarji komuni ġodda;
- trid tiżgura l-investiment soċjali sabiex timplimenta bis-sħiħ il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ittejjeb il-koeżjoni soċjali, toħloq impjiegi ta’ kwalità u tindirizza l-faqar, l-inugwaljanzi u l-esklużjoni soċjali.
L-ebda pajjiż Ewropew ma jista’ jagħmel dan kollu waħdu. Nappellaw liċ-ċittadini biex jużaw il-vot tagħhom biex jiżguraw integrazzjoni aktar b’saħħitha tal-Unjoni Ewropea, sabiex tkun tista’ tibni u tinvolvi ruħha f’paċi dejjiema u ssostni l-mudell ekonomiku u soċjali tagħna.
Ioannis Vardakastanis, membru tal-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili
L-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li ġejjin huma importanti immens għall-futur tal-Unjoni tagħna u tal-kontinent tagħna kollu kemm hu. L-essenza tal-UE – l-unità, id-demokrazija, il-kompetittività, is-sostenibbiltà u l-ġustizzja soċjali tagħna – hija fil-periklu. Huwa kruċjali li ċ-ċittadini tal-UE jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jivvutaw, peress li l-Parlament isawwar direttament l-UE ta’ għada.
L-UE tissimbolizza kooperazzjoni u opportunitajiet, u tiżgura l-paċi, id-demokrazija, l-inklużività u l-prosperità. Madankollu, l-isfidi li qed jiffaċċjaw iċ-ċittadini, bħal spejjeż tal-ħajja u tal-enerġija li qed jiżdiedu, it-tibdil fil-klima, u kunflitti, wasslu biex jikber in-nuqqas ta’ sigurtà fost l-Ewropej; dawn l-isfidi jeħtieġu soluzzjonijiet pan-Ewropej unifikati.
In-nazzjonaliżmu ma joffri l-ebda soluzzjoni. Neħtieġu kollaborazzjoni, solidarjetà u djalogu ċivili effettiv biex nindirizzaw dawn il-kwistjonijiet u nżommu l-valuri demokratiċi tagħna. L-UE trid ukoll tmexxi globalment, tippromovi l-paċi, il-multilateraliżmu u l-protezzjoni ambjentali. Tranżizzjoni lejn ekonomija diġitali u ekoloġika hija imperattiva. L-inklużività hija kruċjali. Iċ-ċittadini kollha għandhom jingħataw is-setgħa li jipparteċipaw fit-tiswir tal-futur tagħna. Bħala membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, aħna ddedikati għal dawn il-prinċipji. Il-vot tiegħek huwa kruċjali fit-tiswir tal-futur tal-Unjoni tagħna. Ejjew ningħaqdu għal UE demokratika, kompetittiva, sostenibbli u soċjali. Il-vot tiegħek jgħodd – użah għal futur Ewropew aħjar!
It-test tar-riżoluzzjoni jinsab fuq il-paġna web speċjali tal-KESE dwar l-elezzjonijiet Ewropej.
Inqas