Impjieg

Fost l-irkupru ekonomiku modest esperjenzat f’dawn l-aħħar snin, l-impjieg globali fl-UE żdied u l-qgħad naqas. Madankollu, ir-rati attwali ta’ dawk li ilhom qiegħda u ċ-ċifri tal-qgħad fost iż-żgħażagħ għadhom inaċċettabbli. L-ewwel prijorità tal-Ewropa għandha tkun li jinħolqu bosta impjiegi u li dawn ikunu ta’ kwalità. Dan joffri sfida partikolari fil-kuntest tal-ixprunaturi strutturali tal-bidla bħalma huma l-innovazzjoni teknoloġika u l-globalizzazzjoni, li joħolqu kemm opportunitajiet kif ukoll sfidi għad-dinja tax-xogħol.

L-Istati Membri huma primarjament responsabbli għall-politika tal-impjieg. Madankollu, l-UE taħdem magħhom biex issegwi strateġija kkoordinata: l-istrateġija Ewropea dwar l-impjieg. L-UE tħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u tappoġġja u tevalwa l-isforzi tagħhom, l-iżjed permezz tas-Semestru Ewropew, il-linji gwida dwar l-impjieg u l-monitoraġġ tal-politiki nazzjonali (Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi, Programmi Nazzjonali ta’ Riforma u rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż).

Il-Kummissjoni Ewropea hija obbligata tikkonsulta lill-KESE dwar kwistjonijiet marbuta mal-impjieg. Il-KESE adotta Opinjonijiet dwar l-inizjattivi ewlenin kollha fil-livell tal-UE (pereżempju, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, linji gwida għall-politiki tal-impjieg, il-Pakkett dwar l-Impjieg u l-Garanzija għaż-Żgħażagħ).

Normalment, il-kwistjonijiet marbuta mal-impjieg huma koperti mis-Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza (SOC) u b’mod aktar speċifiku mill-Osservatorju tas-Suq tax-Xogħol tagħha, li jissorvelja x-xejriet u l-isfidi li jaffettwaw il-forza tax-xogħol u s-suq tax-xogħol tal-Ewropa.