KESE Info: Inti ġurnalista u produttriċi tal-films, irbaħt diversi premji u ta’ spiss tittratta kwistjonijiet diffiċli, bħall-gwerer u n-nies. Did-darba s-suġġett tal-film tiegħek huwa l-ilma. Għaliex?
Ewa Ewart: Il-film “Until the Last Drop” (Sa l-aħħar qatra) jirrakkonta l-istorja ta’ gwerra differenti – l-aktar gwerra stupida. Jittratta l-istorja tal-gwerra li l-bniedem iddikjara fuq l-ilma – is-sors tal-ħajja – f’isem il-progress. F’sens usa’, hija gwerra fuq in-natura. Żmien ilu, il-bniedem iddeċieda li l-ħajja fid-dinja għandha sseħħ kif jgħid hu, u li l-ambjent naturali suppost jaqdi lill-bniedem u l-interessi tiegħu. Dan it-twemmin wassalna għall-istat traġiku li fih tinsab il-pjaneta tagħna.
Xi sfidi ltqajt magħhom inti u tagħmel il-film?
Tgħallimt dwar il-produzzjoni ta’ dokumentarji fi ħdan il-BBC, f’Londra. Id-disgħinijiet kienu era tad-deheb għad-dokumentarji. Kien hemm il-flus, u dorna d-dinja biex nipproduċu films dwar diversi suġġetti affaxxinanti u rilevanti. Issa jiena freelancer u ngawdi l-libertà li joffri l-freelancing. Madankollu, il-ġbir ta’ fondi għal proġett xi drabi jista’ jkun diffiċli u jieħu ħafna ħin. Nista’ ngħid li attwalment din hija l-akbar sfida; li nsib il-flus għall-films. B’paragun ma’ dan, il-bqija kollox faċli! Ladarba l-baġit żgurat, nara kollox bħala esperjenza promettenti u eċċitanti. Il-produzzjoni ta’ dokumentarju tista’ tkun imprevedibbli, għalhekk dejjem ikolli pjan B. Apparti kollox, dejjem ngħid lili nnifsi li se nagħmel film tajjeb! L-akbar sfida li ltqajt magħha jien u naħdem fuq “Until the Last Drop” kienet it-temp! Kważi 100 % tal-iffilmjar tagħna kien fil-beraħ, u vvjaġġajna fuq skeda stretta ħafna f’sitt pajjiżi. Għalhekk, kwalunkwe sorpriża ħażina (mil-lat tat-temp) setgħet tiswielna l-flus u tikkawża tfixkil serju fil-pjan tal-iffilmjar tagħna. Imma kellna xorti tajba.
Xi rwol taħseb li l-industrija tal-films tista’ taqdi fis-sensibilizzazzjoni dwar il-kwistjonijiet tal-ilma u l-promozzjoni ta’ azzjoni f’dan ir-rigward?
Id-dokumentarji jistgħu jaqdu rwol sinifikanti ħafna biex jedukaw u jissensibilizzaw. L-isfond ġurnalistiku tiegħi huwa fl-aħbarijiet televiżivi, iżda l-passjoni tiegħi tinsab f’format itwal ta’ aħbarijiet. Id-dokumentarji nħobbhom għal ħafna raġunijiet, iżda raġuni minnhom hija ta’ importanza kritika: id-dokumentarji joffrulek biżżejjed ħin biex tispjega x’ġara u għaliex. Għandek il-ħin u l-ispazju biex tagħti kuntest fil-fond ta’ avvenimenti kumplessi u kwistjonijiet importanti, u tagħmilhom aktar faċli biex jinftiehmu minn udjenza usa’. Meta bdejt naħdem fuq “Until the Last Drop”, indunajt li kien hemm għadd mhux ħażin ta’ produtturi tal-films li diġà ttrattaw il-kwistjonijiet relatati mal-ilma fil-films tagħhom. Minn naħa waħda dan serraħli moħħi, iżda kien ukoll ta’ sfida interessanti għalija biex noħroġ b’idea li kienet ġdida u mhux esplorata. Il-films maħduma tajjeb dwar kwistjonijiet importanti għandhom il-potenzjal mhux biss li jedukaw iżda wkoll li jġiegħlu lin-nies jieħdu azzjoni. Il-film tagħna diġà ntwera diversi drabi u wara jkun hemm individwi li jiġu fuqna u jistaqsuna x’jistgħu jagħmlu. Dan huwa ta’ sodisfazzjon kbir.
X’ispirak biex tiffoka fuq l-ilma?
Fl-2017 ħdimt fuq film dwar kif l-industrija taż-żejt teqred il-foresta pluvjali. Aħna u niffilmjaw fil-parti Ekwadorjana tal-foresta pluvjali tal-Amażonja, mexxej ta’ komunità lokali ħadni sax-xmara tagħhom. Meta mess wiċċ l-ilma b’idu, l-ingwanta bajda tal-latex li kien liebes swiedet. L-ingwanta kollha tgħattiet b’saff oħxon u żejtni. Dak li rajt affettwani ħafna. Naħseb li dakinhar nibtet fija l-idea ta’ dokumentarju dwar l-ilma.
Għaliex id-diskussjoni dwar l-ilma mhijiex parti mid-dibattitu pubbliku?
Raġuni minnhom hija sempliċi ħafna. L-ilma għadu disponibbli b’mod wiesa’ u nqisuh bħala fatt. Huwa minnu li l-ilma jkopri l-biċċa l-kbira tal-wiċċ tal-pjaneta tagħna, iżda x-xmajjar – is-sors ewlieni ta’ ilma ħelu nadif – huma inqas minn wieħed fil-mija tar-riżorsi kollha tal-ilma. L-aħbarijiet dwar il-miljuni ta’ persuni li jsofru minn nuqqas ta’ ilma huma primarjament irrappurtati fil-livell lokali. B’xi mod, għandna t-tendenza li nemmnu li l-problemi tal-ilma jaffettwaw pajjiżi mbiegħda u mhumiex ta’ tħassib għalina. Nittama li bil-film tagħna n-nies jindunaw bir-realtà xokkanti li tali twemmin huwa kompletament ħażin. Raġuni oħra hija li l-lobbies b’saħħithom li huma responsabbli għat-tniġġis tal-ilma u l-isfruttar imprudenti tar-riżorsi tal-ilma jaffettwaw l-għażliet politiċi u jeżerċitaw influwenza kbira fuqhom.
B’xorti tajba, hemm ukoll xi sinjali pożittivi li juru li qed nindunaw li jeħtieġ li nbiddlu l-mod kif niġġestixxu r-riżorsi tal-ilma. F’Marzu li għadda, saret l-ewwel konferenza f’ġenerazzjoni tan-NU dwar l-ilma. Kien rikonoxximent ċar li għadna ’l bogħod b’mod allarmanti milli nindirizzaw il-problemi tal-ilma u l-għanijiet relatati mal-ilma, u b’hekk qed inpoġġu f’riskju l-eżistenza tagħna stess. Kull sena, niċċelebraw il-Jum Dinji tal-Ilma biex infakkru lilna nfusna li jeħtieġ li nieħdu azzjoni biex insolvu l-kriżi tal-ilma, u peress li l-ilma huwa fattur li jgħaqqad il-bnedmin kollha, jeħtieġ li kulħadd jieħu azzjoni. Ejjew nittamaw li dawn l-inizjattivi jibqgħu jikbru.
X’inhi l-aktar ħaġa importanti li n-nies għandhom ikunu jafu dwar il-kriżi tal-ilma?
Il-kriżi tal-ilma teżisti; hija kriżi ġenwina u qed tkompli tikber. Għandu jkun hemm għarfien kollettiv li ma tantx fadal żmien. Sakemm ma nbiddlux radikalment il-mod kif nimmaniġġjaw l-ilma, nistgħu nkunu mexjin lejn qawmien bla ħniena. Dan huwa wieħed mill-messaġġi tal-film tagħna. Nittama li dawk li jinsabu f’pożizzjoni li jikkontrollaw il-kriżi qabel ma jkun tard wisq jagħtu widen għal dan il-messaġġ. Persuna li dehret fil-film staqsiet: “Il-pjaneta se tistennina nqumu mir-raqda?”
X’messaġġ qed tibgħat lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri? U liċ-ċittadini, speċjalment lill-ġenerazzjoni żagħżugħa?
Din hija mistoqsija verament wiesgħa! L-ewwel nett, nixtieq li kemm jista’ jkun nies fl-UE u fl-Istati Membri jaraw “Until the Last Drop”. U mhux għall-vanità tiegħi! Nara b’għajnejja stess l-impatt li dan il-film joħloq kull darba li jintwera fil-pubbliku. Nixtieq nemmen li dan il-film se jispira lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet biex jgħinu lill-attivisti kollha li qed jiġġieldu għal xmajjar nodfa u b’saħħithom. Huwa tal-mistħija li qed nippermettu sitwazzjoni li fiha l-Ewropa għandha l-aktar sistema frammentata tax-xmajjar. Huwa tal-mistħija li l-aktar xmara mniġġsa fil-kontinent tagħna tinsab fl-Italja, il-pajjiż li tant ikkontribwixxa għaċ-ċivilizzazzjoni Ewropea. Anke x-xmara Sarno, li darba kienet meqjusa bħala Alla, hija kklassifikata bħala t-tielet l-aktar xmara mniġġsa fid-dinja. Fi triqitna lejn il-progress u l-iżvilupp biddilna din ix-xmara f’katavru jinten.
Hemm xaqq ta’ tama?
Hemm tama, u nitkellmu dwar dan fil-film. In-nies qed isiru konxji li m’għandniex ħafna żmien qabel ma jkun tard wisq biex inbiddlu l-mod kif niġġestixxu l-ilma. Dawn in-nies huma l-attivisti li jagħmlu l-almu tagħhom biex jiġġieldu l-ħsara li l-bniedem diġà kkawża lill-ilma. Għandi tama f’dawn l-attivisti li raw b’għajnejhom il-gravità ta’ dawn il-problemi. Dawn huma l-persuni li jgħixu max-xmajjar, jgħixu mix-xmajjar u huma l-ewwel li jiġu affettwati mid-deċiżjonijiet li jieħdu l-politiċi. Dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet għandhom jitgħallmu minnhom. Irridu li dan id-dokumentarju jsir għodda ta’ tagħlim biex nedukaw dwar l-ilma. Piotr Nieznański, koawtur u preżentatur tal-film, għandu programm imsejjaħ “CodeForBlue” indirizzat lill-għalliema u liż-żgħażagħ. Iż-żgħażagħ tal-lum dalwaqt se jkunu dawk li jiddeċiedu kif jimmaniġġjaw ir-riżorsi tal-ilma. Is-sistema edukattiva attwali ma tgħidilhomx l-istorja kollha dwar il-kriżi tal-ilma. Irridu nimlew din il-lakuna. Bdejna naħdmu biex inniedu l-programm fil-Polonja.
X’għandna nagħmlu issa biex insalvaw il-pjaneta?
Ilkoll kemm aħna rridu noħorġu mill-bużżieqa separata tagħna u ningħaqdu fl-isforzi tagħna biex nipproteġu l-aktar riżorsa komuni prezzjuża tagħna u niġġestixxuha b’mod għaqli: l-ilma ħelu, nadif u li jagħti l-ħajja. Persuna mix-xena politika tal-Muniċipalità tal-Kontea Reġjonali ta’ Mingaine f’Quebec, il-Kanada, li appoġġjat l-isforzi lokali biex tiġi protetta xmara u dehret fil-film tagħna, qalet: “In-nies iridu jkunu sinjuri, għax jaħsbu li b’hekk ikunu kuntenti. L-ekonomija fis-soċjetajiet tal-Punent hija bbażata fuq dan il-mod ta’ ħsieb. Jekk ma nbiddlux il-mod kif naħsbu dwar l-iżvilupp illum u fid-dawl tal-bidliet li naraw fir-reġjun tagħna u bnadi oħra fid-dinja, ilkoll kemm aħna se ngħosfru.”
Ewa Ewart hija ġurnalista u produttriċi tal-films li rebħet diversi premji u tispeċjalizza f’dokumentarji influwenti u rivoluzzjonarji. Twieldet u trabbiet fil-Polonja, iżda qattgħet il-biċċa l-kbira tal-karriera tagħha fil-BBC TV, f’Londra. Hija vvjaġġat u ħadmet f’ħafna pajjiżi, ipproduċiet u ddirezzjonat programmi li jvarjaw minn investigazzjonijiet sa dokumentarji ta’ osservazzjoni dwar temi politiċi u soċjali. Il-films tagħha żvelaw informazzjoni ġdida dwar kwistjonijiet bħall-korruzzjoni fir-Russja ta’ Boris Yeltsin, il-kampijiet sigrieti tal-priġunieri fil-Korea ta’ Fuq, il-gwerra ċivili fil-Kolombja u l-programm ta’ konsenja straordinarja sigriet u illegali tas-CIA għal persuni suspettati b’terroriżmu. Hija rrakkontat uħud mill-aktar stejjer memorabbli permezz tad-dokumentarji tagħha, bħal dak dwar it-traġedja f’Beslan, li ħareġ għall-ewwel anniversarju tal-attakk terroristiku li fih inqatlu aktar minn 170 tifel u tifla. Fit-tieni film hija enfasizzat it-trawma li għadhom isofru ħafna tfal superstiti ħames snin wara l-atroċità.
Inqas